
Dettalji ta' Kuntatt
Ċentru dwar l-Arbitraġġ ta’ Malta
Palazzo Laparelli, 33,Triq Nofsinhar,
Valletta VLT 1100,
Malta.
Tel: (+356) 2122 2557
Imejl: info.mac@arbitration.mt
Dwarna
Iċ-Ċentru dwar l-Arbitraġġ ta’ Malta [hawn aktar ‘l isfel jissejjaħ “Iċ-Ċentru”] huwa korp magħqud li jkollu personalità ġuridika distinta u għalkemm ġie mwaqqaf fl-1996 bid-dħul fis-seħħ ta’ Kapitolu 387 tal-Liġijiet ta’ Malta [hawn aktar ‘l isfel jissejjaħ “L-Att”], iċ-Ċentru beda jopera f’Marzu tas-sena 2000.
Il-funzjonijiet taċ-Ċentru, kif provdut fl-Artikolu 10(1) tal-Att, huma:
- li jġib ’il quddiem lil Malta bħala ċentru għall-arbitraġġ kummerċjali internazzjonali;
- li jipprovdi għal kif għandu jitmexxa l-arbitraġġ internazzjonali f’Malta;
- li jinkoraġġixxi l-arbitraġġ domestiku bħala mezz ta’ arranġament ta’ tilwim;
- li jipprovdi l-faċilitajiet meħtieġa għat-tmexxija ta’ arbitraġġ;
- li jagħti pariri lill-Gvern fuq kull ħaġa msemmija fis-sub-paragrafi ta’ qabel;
- li jwettaq il-funzjonijiet l-oħra kollha li jiġu lilu assenjati b’din il-liġi jew b’kull liġi oħra; u
- li jwettaq kull funzjoni oħra supplimentari jew anċillari ma’ dak li hemm imsemmi qabel.
Iktar minn hekk iċ-Ċentru, għandu s-setgħa, li titwettaq permezz tal-Bord tiegħu, li jagħmel regoli li jiġu pubblikati fil-Gazzetta u li jkunu jipprovdu dwar:
- il-proċedura għall-arbitraġġi;
- il-mod u l-ħtiġiet (inkluż kull dritt li jitħallas għaldaqstant) għar-reġistrazzjoni ta’ dokument taħt dan l-Att;
- linji ta’ prinċipju u għażla ta’ mudelli jew forom għall-formulazzjoni ta’ kull klawsola u ftehim tal-arbitraġġ; u
- kull ħaġ’oħra li dwarha jistgħu jsiru regoli taħt kull dispożizzjoni tal-Att.
Il-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru huwa responsabbli għall-politika u għall-amministrazzjoni ġenerali tal-affarijiet u x-xogħol taċ-Ċentru, liema Bord għandu jkun jikkonsisti f’mhux anqas minn tliet membri u mhux aktar minn ħames membri, li jinħatru mill-President ta’ Malta li jaġixxi fuq il-parir tal-Prim Ministru. Il-membri tal-Bord jiġu appuntati għal perijodu ta’ sitt snin u huma eleġibbli għall-ħatra mill-ġdid.
Iċ-Ċentru għandu wkoll Reġistratur, li hija wkoll segretarju tal-Bord. Ir-Reġistratur jiġi appuntat mill-Bord u bil-liġi għandu jwettaq dawk il-funzjonijiet li minn żmien għal żmien jiġu delegati lilu mill-Bord. Ir-rappreżentanza legali taċ-Ċentru hija vestita fir-Reġistratur u r-Reġistratur għandu s-setgħa li jagħti l-ġuramenti tal-kariga lill-arbitri jew lil kull persuna oħra involuta fil-proċedimenti tal-arbitraġġ.